Noti għall-mili tal-applikazzjoni

MLT – 2022/1

I. X’għandek tkun taf qabel timla din l-applikazzjoni
Liema ilmenti tista’ teżamina l-Qorti?

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hija qorti internazzjonali li tista’ teżamina biss ilmenti mingħand persuni, għaqdiet u kumpaniji li jallegaw li d-drittijiet tagħhom taħt il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ġew miksura. Il-Konvenzjoni hija trattat internazzjonali li bih numru kbir ta’ Stati Ewropej qablu li jiggarantixxu ċerti drittijiet fondamentali. Id-drittijiet garantiti huma stabbiliti fil-Konvenzjoni innifisha u fil-Protokolli numri 1, 4, 6, 7, 12 u 13, li ma ġewx aċċettati mill-iStati kollha. Għandek taqra dawn it-testi li jinsabu kollha mehmuża.

Il-Qorti ma tistax teżamina kull tip ta’ ilment. Il-poteri tagħha huma definiti mill-kriterji ta’ ammissibbiltà stabbiliti fil-Konvenzjoni, li jillimitaw min jista’ jilmenta, meta u fuq xiex. Iktar minn disgħin fil-mija tal-applikazzjonijiet eżaminati mill-Qorti jiġu ddikjarati inammissibbli. Għaldaqstant għandek tassigura li l-ilmenti tiegħek jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà spjegati hawn taħt.

Il-Qorti tista’ teżamina l-każ tiegħek biss jekk:

  • l-ilmenti jikkonċernaw ksur ta’ wieħed jew iktar mid-drittijiet stabbiliti fil-Konvenzjoni jew fil-Protokolli;
  • l-ilmenti huma ndirizzati kontra Stat li rratifika l-Konvenzjoni jew il-Protokoll in kwistjoni (mhux l-iStati kollha rratifikaw kull Protokoll; għaldaqstant għandek tivverifika l-lista ta’ ratifiki fuq is-sit elettroniku tal-Qorti www.echr.coe.int/applicants);
  • l-ilmenti jikkonċernaw kwistjonijiet li jinvolvu r-responsabbiltà ta’ awtorità pubblika (leġislatura, organu amministrattiv, qorti tal-ġustizzja, eċċ.); il-Qorti ma tistax teżamina ilmenti indirizzati kontra individwi jew għaqdiet privati;
  • l-ilmenti jikkonċernaw azzjonijiet jew ġrajjiet li ġraw wara d-data tar-ratifika tal-Konvenzjoni jew tal-Protokolli mill-iStat in kwistjoni (ara d-dati tar-ratifika ta’ kull Stat fuq is-sit elettroniku tal-Qorti www.echr.coe.int/applicants);
  • int personalment u direttament affetwat minn ksur ta’ dritt fundamentali (jiġifieri, jekk għandek “status ta’ vittma”);
  • int tajt l-opportunità lis-sistema domestika biex tagħmel tajjeb għall-ksur tad-drittijiet tiegħek (“eżawriment ta’ rimedji domestiċi”); b’mod ġenerali dan ifisser li int trid tqajjem l-istess ilmenti quddiem il-qrati nazzjonali, inkluż l-ogħla qorti, qabel ma tkun tista’ tqajjem l-istess ilmenti quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan jinvolvi konformità ma’ regoli nazzjonali ta’ proċedura, inkluż termini ta’ zmien. Però, m’għandekx għalfejn tagħmel użu minn rimedji li huma ineffettivi jew dawk diskrezzjonali jew straordinarji lil hinn mill-proċeduri normali ta’ appell;
  • int ippreżentajt l-applikazzjoni tiegħek kompluta lill-Qorti fi żmien erba’ xhur mid-deċiżjoni domestika finali. Il-perjodu ta’ erba’ xhur normalment jibda jiddekorri mid-data tad-deċiżjoni tal-ogħla qorti jew awtorità kompetenti, jew meta ġiet innotifikata lilek jew lill-avukat tiegħek. Fejn ma jkunx hemm rimedju effettiv disponibbli għal ilment, il-perjodu ta’ erba’ xhur jibda jiddekorri mid-data tal-azzjoni, ġrajja jew deċiżjoni li dwarha qed tilmenta. Il-perjodu ta’ erba’ xhur jiġi interrott biss meta int tibgħat lill-Qorti l-applikazzjoni kompluta li tikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regola 47 tar-Regoli tal-Qorti (ara t-test provdut fid-dokumenti mehmuża mal-applikazzjoni). Il-perjodu jintemm fl-aħħar ġurnata tal- erba’ xhur anke jekk din tkun il-Ħadd jew festa pubblika. Fil-qosor, l-applikazzjoni, flimkien mal-informazzjoni u d-dokumenti neċessarji, għandha tiġi impustata lill-Qorti mill-anqas fl-aħħar ġurnata tal-perjodu ta’ erba’ xhur, jew qabel. Għaldaqstant, kun żgur li tibgħathom bil-posta kmieni;
  • l-ilmenti tiegħek huma bbażati fuq provi sodi; int trid tissosstanzja l-ilmenti tiegħek billi tirrakkonta l-istorja tiegħek b’mod ċar u billi tipprovdi dokumenti, deċiżjonijiet, rapporti mediċi, dikjarazzjonijiet ta’ xhieda u materjal ieħor;
  • int kapaċi turi li l-kwistjonijiet li dwarhom qed tilmenta interferew b’mod mhux ġustifikat ma’ dritt fondamentali. Ma tistax tilmenta li deċiżjoni ta’ qorti kienet sempliċiment inġusta jew ħażina; din il-Qorti m’hijiex qorti ta’ appell minn deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali u ma tistax tannulla jew tbiddel id-deċiżjonijiet tagħhom;
  • l-ilmenti tiegħek ma ġewx diġà eżaminati minn din il-Qorti jew minn organu internazzjonali ieħor;

Għandek tkun taf ukoll li l-Qorti tirċievi eluf ta’ ilmenti kull sena. Il-Qorti m’għandhiex riżorsi biex teżamina ilmenti trivjali jew ripetuti li m’għandhomx sustanza u li m’humiex it-tip ta’ każijiet li organu internazzjonali ta’ superviżjoni għandu jeżamina. Dawn l-ilmenti jistgħu jiġu miċħuda fuq il-bażi li jikkostitwixxu abbuż tad-dritt ta’ petizzjoni. Dan jista’ jiġri ukoll fejn l-applikanti jużaw kliem offensiv jew insolenti.

Fejn il-kwistjoni li dwarha hemm ilment ma tikkawżax lill-applikant xi ħsara reali jew żvantaġġ sinjifikanti, u ma tqajjem l-ebda kwistjoni ġdida ta’ drittijiet tal-bniedem li għandha tiġi eżaminata fil-livell internazzjonali , il-każ jista’ jiġi miċħud ukoll.

Għal aktar informazzjoni fuq dawn il-kriterji tista’ tikkonsulta avukat jew iżżur is-sit elettroniku tal-Qorti li jipprovdi informazzjoni dwar il-kriterji ta’ ammissibbiltà u jwieġeb mistoqsijiet li jiġu magħmula spiss.

II. Kif timla l-applikazzjoni

Ir-rekwiżiti ta’ applikazzjoni valida huma stabbiliti fir-Regola 47 tar-Regoli tal-Qorti (misjuba fid-dokumenti mehmuża mal-applikazzjoni); aktar informazzjoni tinstab fl-Istruzzjonijiet fuq il-Prattika dwar il-bidu ta’ Proċeduri li huma mehmuża mar-Regoli tal-Qorti u disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Qorti http://www.echr.coe.int/applicants. Spjegazzjonijiet prattiċi u gwida huma pprovduti hawn taħt; inti avżat biex taqrahom qabel timla l-applikazzjoni jekk trid tevita li tagħmel żbalji li jżommu lill-applikazzjoni tiegħek milli tiġi aċċettata bħala kompluta.

  • KUN ĊERT LI L-KITBA TIEGĦEK TKUN TISTA’ TINQARA. Preferibbilment, għandek tittajpja
  • IMLA L-OQSMA KOLLHA APPLIKABBLI GĦAS-SITWAZZJONI TIEGĦEK. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx kompluta u ma tiġix aċċettata.
  • Tużax simboli jew abbrevjazzjonijiet: spjega l-ħsieb tiegħek bi kliem ċar.
  • KUN KONĊIŻ.

Jekk jogħġbok niżżel l-applikazzjoni mis-sit elettroniku tal-Qorti u imliha b’mod elettroniku jekk dan huwa possibli. Dan iħaffef l-ipproċessar tal-każ tiegħek.

Lingwa

Il-lingwi uffiċjali tal-Qorti huma l-Ingliż u l-Franċiż iżda, jekk ikun iktar faċli għalik, tista’ tikteb lir-Reġistru b’lingwa uffiċjali ta’ Stat li rratifika l-Konvenzjoni. Fil-fażi inizjali tal-proċeduri tista’ tirċievi komunikazzjoni mingħand il-Qorti f’dik il-lingwa ukoll. Jekk jogħġbok żomm f’moħħok, però, li fi stadju ulterjuri, jiġifieri jekk il-Qorti tiddeċiedi li titlob lill-Gvern biex jissottometti kummenti bil-miktub dwar l-ilmenti tiegħek, kull korrispondenza mingħand il-Qorti tkun mibgħuta bl-Ingliż jew bil-Franċiż. Int jew ir-rappreżentant tiegħek tkunu ukoll mitluba biex tużaw l-Ingliż jew il-Franċiż fis-sottomissjonijiet sussegwenti tagħkom.

Noti dwar l-oqsma fl-applikazzjoni

Biex applikazzjoni tkun aċċettata mill-Qorti, l-oqsma kollha applikabbli għandhom ikunu mimlija skont kif indikat u d-dokumenti kollha neċessarji għandhom ikunu pprovduti kif stabbilit fir-Regola 47. Jekk jogħġbok żomm dan f’moħħok meta timla l-applikazzjoni u tehmeż id-dokumenti ta’ sostenn tiegħek. Jekk dan ma jsirx, il-każ tiegħek ma jiġix eżaminat mill-Qorti: l-ebda file ma jiġi miftuħ u l-ebda dokument ma jiġi miżmum.

L-applikazzjoni – taqsima b’taqsima

Jekk jogħġbok żomm f’moħħok li l-kliem użati fl-applikazzjoni u fin-noti huma bbażati fuq il-Konvenzjoni – kwalunkwe nuqqas ta’ sensittività lejn is-sessi fil-lingwa m’hijiex intiża biex teskludi lil xi ħadd.

Kaxxa għall-barcode

Jekk diġà ikkomunikajt mal-Qorti fuq l-istess suġġett u ġejt mogħti set ta’ tikketti tal-barcode, għandek twaħħal tikketta tal-barcode fil-kaxxa li qiegħda fuq ix-xellug, fin-naħa ta’ fuq tal-paġna.

A. L-applikant

A.1. Individwu

Din it-taqsima tapplika għal applikant li huwa individwu. Applikanti li huma entitajiet legali bħal kumpaniji jew assoċjazzjonijiet għandhom jirreferu għal Taqsima A.2.

1–9. Jekk hemm iktar minn applikant wieħed, din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta għal kull applikant fuq paġna separata. Jekk jogħġbok, agħti numru lil kull applikant jekk ikun hemm iktar minn wieħed. Ara t-taqsima hawn taħt dwar “Applikazzjonijiet miġbura flimkien u applikanti multipli”.

6. Indirizz: applikant għandu jipprovdi indirizz differenti minn dak tal-avukat jew rappreżentant biex il-Qorti tkun tista’ tagħmel kuntatt jekk ikun hemm bżonn. Applikant li ma jkollux dar jew residenza fissa jista’ jipprovdi numru ta’ kaxxa postali jew dettalji ta’ xi ħabib flimkien ma’ spjegazzjoni.

A.2. Għaqda

Din it-taqsima tikkonċerna applikanti li huma entitajiet legali bħal kumpaniji, għaqdiet mhux governattivi jew assoċjazzjonijiet, eċċ. Jekk timla din it-taqsima, trid timla Taqsima D.1.

10–16. Għandek timla l-identità u d-dettalji tal-għaqda. Jekk ikun hemm iktar minn applikant wieħed, din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta għal kull applikant fuq paġna separata. Jekk jogħġbok agħti numru lil kull applikant jekk ikun hemm iktar minn wieħed.

11. Numru ta’ identifikazzjoni: jekk jogħġbok indika n-numru ta’ identifikazzjoni uffiċjali jew in-numru ta’ reġistrazzjoni, jekk dan jeżisti.

12. Id-data ta’ reġistrazzjoni, ħolqien jew inkorporazzjoni tal-entità għandha tkun inkluża ukoll, fejn tali proċedura tkun saret, biex tiffaċilita l-identifikazzjoni.

Applikazzjonijiet miġbura flimkien u applikanti multipli

Fejn applikant jew rappreżentant jippreżenta ilmenti f’isem żewg applikanti jew aktar, li jkollhom applikazzjonijiet ibbażati fuq fatti differenti, għandha ssir applikazzjoni separata għal kull individwu. L-applikazzjoni għandha tipprovdi l-informazzjoni mitluba kollha. Id-dokumenti rilevanti għal kull applikant għandhom jiġu mehmuża mal-applikazzjoni ta’ dak l-individwu.

Fejn ikun hemm aktar minn għaxar applikanti, ir-rappreżentant għandu jipprovdi, minbarra l-applikazzjonijiet u d-dokumenti, tabella li tistabbilixxi d-dettalji ta’ identifikazzjoni għal kull applikant; din it-tabella tista’ tiġi mniżżla mis-sit elettroniku tal-Qorti (ara www.echr.coe.int/applicants). Fejn ir-rappreżentant ikun avukat, it-tabella għandha tkun pprovduta b’mod elettroniku ukoll (fuq CD-ROM jew memory stick).

F’każijiet fejn ikun hemm gruppi kbar ta’ applikanti jew applikazzjonijiet, l-applikanti jew ir-rappreżentanti tagħhom jistgħu jiġu mitluba mir-Reġistru biex jipprovdu s-sottomissjonijiet jew id-dokumenti tagħhom b’mod elettroniku jew b’mod ieħor. Ir-Reġistru jista’ jagħmel talbiet oħra dwar il-passi li għandhom jiġu meħuda biex jiġi ffaċilitat l-ipproċessar effettiv u mħaffef tal-applikazzjonijiet.

In-nuqqas ta’ konformità mad-direttivi tar-Reġistru dwar il-forma u l-mod kif applikazzjonijiet miġbura flimkien jew applikazzjonijiet minn applikanti multipli għandhom jiġu ppreżentati jista’ jwassal biex il-każijiet ma jiġux eżaminati mill-Qorti (ara Regola 47 §§ 5.1 u 5.2).

B. Stat/i kontra liema l-applikazzjoni hi ndirizzata

17. Immarka l-kaxxa/i tal-iStat/i kontra liema l-applikazzjoni hi ndirizzata.

Din it-taqsima tikkonċerna l-iStat/i li int tqis responsabbli għall-kwistjonijiet li dwarhom qed tilmenta. Jekk jogħġbok żomm f’moħħok li l-ilmenti quddiem il-Qorti jistgħu jiġu magħmula biss kontra l-iStati msemmija, li kollha ssieħbu fis-sistema tal-Konvenzjoni.

C. Rappreżentant/i tal-applikant (individwu)

Il-persuna li tiġi appuntata bħala rappreżentant f’din it-taqsima għandha tiffirma fil-kaxxa numru 35; l-applikant għandu jiffirma fil-kaxxa numru 33.

C.1. Persuna li m’hijiex avukat

18–25. Uħud mill-applikanti jistgħu jagħżlu li ma jiħdux sehem, jew ma jkunux jistgħu jieħdu sehem, fil-proċeduri huma stess għal raġunijiet ta’ saħħa jew inkapacità. Dawn ikunu jistgħu jiġu rappreżentati minn persuna li ma jkollhiex taħriġ legali, pereżempju ġenitur li jirrappreżenta lit-tifel, jew tutur, qarib jew sieħeb li jirrappreżenta lil xi ħadd li ċ-ċirkostanzi prattiċi jew mediċi tiegħu jagħmluha diffiċli għalih biex jieħu sehem fil-proċeduri. Ir-rappreżentant għandu jindika f’liema kapaċità qiegħed jirrappreżenta lill-applikant jew ir-relazzjoni tiegħu jew tagħha mal-applikant, flimkien mal-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu jew tagħha. Jekk imlejt taqsima C.1, għandek ukoll timla taqsima C.2 jekk ħtart avukat (ara taqsima C.2).

C.2. Avukat

26–32. Id-dettalji li jidentifikaw l-avukat li qed jaġixxi f’isem l-applikant quddiem il-Qorti għandhom jiġu pprovduti, inklużi dawk ta’ kuntatt. Applikant m’għandux għalfejn iqabbad avukat fl-istadju tal- preżentazzjoni tal-applikazzjoni. L-applikant jiġi avżat meta l-każ jasal fl-istajdu tal-proċedura fejn rappreżentazzjoni minn avukat tkun meħtieġa. F’dan l-istajdu – wara li l-Qorti tiddeċiedi li tinnotifika lill-Gvern ikkonċernat biex jippreżenta sottomissjonijiet bil-miktub – l-applikant jista’ jkun eliġibbli għal għajnuna legali b’xejn jekk hu ma jkollux mezzi biżżejjed biex iħallas it-tariffi tal-avukat u jekk l-għotja ta’ din l-għajnuna legali tkun meqjusa neċessarja għat-tmexxija xierqa tal-każ. Informazzjoni fuq din il-kwistjoni tiġi mibgħuta lill-applikanti fiż-żmien opportun.

C.3. Prokura

Din it-taqsima għandha jkollha firem oriġinali.

33. Applikant għandu jiffirma l-prokura, li biha jawtorizza lir-rappreżentant biex jaġixxi f’ismu jew isimha, sakemm, pereżempju, l-applikant ma jkunx tifel jew ma jkollux kapaċità legali u ma jkunx kapaċi jiffirma. Jekk rappreżentant, li ma jkunx avukat, iqabbad avukat f’isem l-applikant li mhux kapaċi jiffirma, ir-rappreżentant għandu jiffirma l-prokura f’isem l-applikant.

34 u 36. Id-data mitluba hija d-data tal-firma tal-applikant (individwu) u tar-rappreżentant tiegħu.

35. L-avukat jew kwalunkwe persuna oħra li tiġi mqabbda mill-applikant biex tippreżenta l-każ quddiem il-Qorti għandha tiffirma l-prokura biex tindika li aċċettat dan il-mandat. Fin-nuqqas ta’ tali firma, ir-Reġistru jista’ jibqa’ jikkorrispondi mal-applikant biss minħabba nuqqas ta’ evidenza li r-rappreżentant huwa fil-fatt involut fil-każ.

Tibgħatx formola ta’ prokura separata: il-Qorti għandha bżonn li l-informazzjoni rilevanti dwar l-identifikazzjoni u l-kuntatti jkunu pprovduti kollha fl-applikazzjoni nfisha. L-applikant u r-rappreżentant tiegħu għandhom jiffirmaw din it-taqsima tal-prokura fil-mument tal-preparazzjoni tal-applikazzjoni: avukat m’għandux jissottometti l-applikazzjoni u kopja separata tal-prokura sakemm ma jkunx hemm ostakli prattiċi insormontabbli. Huwa biss meta l-applikant ibiddel l-avukat jew iqabbad avukat wara li jkun ippreżenta l-applikazzjoni li l-Qorti taċċetta formola ta’ prokura separata – f’dan il-każ, l-applikanti għandhom jużaw il-formola ta’ prokura separata pprovduta fis-sit elettroniku tal-Qorti u li fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa. Jekk prokura tintbagħat separata u ma jkunx hemm spjegazzjoni konvinċenti għalfejn dan ma setax ikun evitat, l-applikazzjoni tiġi miċħuda peress li ma tkunx konformi mar-Regola 47.

Komunikazzjoni elettronika bejn ir-rappreżentant u l-Qorti

eComms hu servizz mibdi mill-Qorti biex tikkomunika b’mod elettroniku mar-rappreżentant tal-applikant. Is-servizz jiġi attivat biss jekk u meta il-każ jiġi kkomunikat lill-Gvern.

37. L-indirizz tal-E-mail provdut jintuża biex jinħoloq kont tal-eComms. Nissuġġerixxu li rappreżentanti (avukati) li jġibu każijiet quddiem il-Qorti u jaħdmu fl-istess uffiċċju legali jiprovdu E-mail wieħed li jista jintuża mill-avukati kollha li jaħdmu f’dak l-uffiċċju.

Għandek tinforma lill-Qorti dwar kull bidla fl-indirizz tal-E-mail tal-kont tal-eComms tiegħek.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara t-termini u l-kundizzjonijiet disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-eComms (https://ecomms.echr.coe.int), kif ukoll l-Istruzzjonijiet Prattiċi dwar l-applikazzjoni elettronika (www.echr.coe.int/practicedirections) (disponibbli biss bl-Ingliż u bil-Franċiż).

D. Rappreżentant/i tal-applikant (għaqda)

D.1. Uffiċjal tal-għaqda

38–45. Applikant (għaqda) għandha taġixxi permezz ta’ individwu awtorizzat li jaġixxi f’isimha u li magħha l-Qorti tkun tista’ tikkomunika meta dan ikun meħtieg. Dan l-individwu jista’ jkun uffiċjal tal-kumpanija, chairperson jew direttur. Din il-persuna għandha tipprovdi prova dokumentata li hi tista’ tippreżenta l-każ f’isem l-għaqda: pereżempju, din tista’ tkun, skont il-prassi fil-pajjiz ikkonċernat, kopja ta’ estratt mir-reġistru tal-kumpaniji jew tal-kamra tal-kummerċ, awtorizzazzjoni notarili jew il-minuti tal-korp tat-tmexxija. Jekk prova ma tkunx disponibbli, għandu jkun hemm spjegazzjoni.

L-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-individwu li għandu awtorità statutorja jew legali biex jaġixxi f’isem l-għaqda għandhom jiġu pprovduti f’din it-taqsima.

Jekk ir-rappreżentant uffiċjali tal-għaqda jkun ukoll l-avukat li jaġixxi għal din l-għaqda, dan għandu jiġi ċċarat billi jimtlew din it-taqsima kif ukoll taqsima D.2.

D.2. Avukat

46–52. Dettalji li jidentifikaw l-avukat li qed jaġixxi f’isem l-applikant (għaqda) quddiem il-Qorti għandhom jiġu pprovduti, inkluż dettalji ta’ kuntatt, sħaħ. Applikant m’għandux għalfejn iqabbad avukat fl-istadju tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. L-applikant jiġi avżat meta l-każ jasal fl-istadju tal-proċedura fejn rappreżentazzjoni minn avukat tkun meħtieġa.

Il-persuna mqabbda bħala avukat f’din it-taqsima għandha tiffirma fil-kaxxa numru 55; ir-rappreżentant tal-applikant (għaqda) għandu jiffirma fil-kaxxa numru 53.

D.3. Prokura

Din it-taqsima għandha jkollha firem oriġinali.

53. Ir-rappreżentant tal-applikant (għaqda) għandu jiffirma hawnhekk biex jawtorizza lill-avukat biex jaġixxi f’isem l-għaqda.

54 u 56. Id-data mitluba hija d-data tal-firma tar-rappreżentant tal-applikant (għaqda) u tal-avukat.

55. L-avukat li jiġi mqabbad mill-uffiċjal rappreżentant tal-applikant għaqda, biex jippreżenta l-każ quddiem il-Qorti, għandu jiffirma l-prokura biex jindika li aċċetta dan il-mandat. Fin-nuqqas ta’ tali firma, ir-Reġistru jista’ jibqa’ jikkomunika mal-applikant (għaqda) biss minħabba nuqqas ta’ prova li l-avukat huwa fil-fatt involut fil-każ.

Tibgħatx formola ta’ prokura separata: il-Qorti għandha bżonn li l-informazzjoni rilevanti dwar identifikazzjoni u kuntatt ikunu pprovduti kollha fl-applikazzjoni nfisha. Ir-rappreżentant tal-applikant (għaqda) u l-avukat għandhom jiffirmaw din it-taqsima tal-prokura fil-mument tal-preparazzjoni tal-applikazzjoni: avukat m’għandux jissottometti l-applikazzjoni u kopja separata tal-prokura sakemm ma jkunx hemm ostakli prattiċi insormontabbli. Huwa biss meta l-applikant ibiddel l-avukat jew iqabbad avukat wara li jkun ippreżenta l-applikazzjoni li l-Qorti taċċetta formola ta’ prokura separata – f’dan il-każ, l-applikanti għandhom jużaw il-formola ta’ prokura separata pprovduta fis-sit elettroniku tal-Qorti u li fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa. Jekk prokura tintbagħat separata u ma jkunx hemm spjegazzjoni konvinċenti għalfejn dan ma setax ikun evitat, l-applikazzjoni tiġi miċħuda peress li ma tkunx konformi mar-Regola 47.

Komunikazzjoni elettronika bejn ir-rappreżentant u l-Qorti

eComms hu servizz mibdi mill-Qorti biex tikkomunika b’mod elettroniku mar-rappreżentant tal-applikant (għaqda). Is-servizz jiġi attivat biss jekk u meta il-każ jiġi kkomunikat lill-Gvern.

57. L-indirizz tal-E-mail provdut jintuża biex jinħoloq kont tal-eComms. Nissuġġerixxu li rappreżentanti (avukati) li jġibu każijiet quddiem il-Qorti u jaħdmu fl-istess uffiċċju legali jiprovdu E-mail wieħed li jista jintuża mill-avukati kollha li jaħdmu f’dak l-uffiċċju.

Għandek tinforma lill-Qorti dwar kull bidla fl-indirizz tal-E-mail tal-kont tal-eComms tiegħek.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara t-termini u l-kundizzjonijiet disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-eComms (https://ecomms.echr.coe.int), kif ukoll l-Istruzzjonijiet Prattiċi dwar l-applikazzjoni elettronika (www.echr.coe.int/practicedirections) (disponibbli biss bl-Ingliż u bil-Franċiż).

E, F u G: Suġġett tal-applikazzjoni

58–65. Kun konċiż. Niżżel l-informazzjoni essenzjali li tikkonċerna l-każ tiegħek: il-fatti u d-deċiżjonijiet ewlenin, u kif id-drittijiet tiegħek ġew miksura, mingħajr sfond irrilevanti u kwistjonijiet sekondarji. Tiktibx kwotazzjonijiet twal: tista’ dejjem tagħmel referenza għal dokument mehmuż. Il-fatti u l-ilmenti tal-każ tiegħek għandhom jiġu miktuba fl-ispazju pprovdut fl-applikazzjoni biex tippermetti lill-Qorti tiddetermina n-natura u l-iskop tal-applikazzjoni mingħajr referenza għal materjal ieħor. Din l-informazzjoni li tikkonċerna l-każ tiegħek hija essenzjali għall-għarbil xieraq u fil-pront tal-applikazzjoni tiegħek. Din l-informazzjoni għandha tiġi nkluża fil-paġni pprovduti fl-applikazzjoni u mhux fuq paġni mehmuża mal-applikazzjoni. L-informazzjoni għandha jkollha dikjarazzjoni ċara u konċiża dwar il-fatti, l-ilmenti u l-konformità mal-kriterji ta’ ammissibbiltà, li għandhom ikunu faċli biex jinqraw. Għaldaqstant, evita li ddaħħal kull dettal f’dan l-ispazju. M’huwiex aċċettabli li dawn il-paġni jitħallew vojta u jkun hemm pereżempju indikazzjoni biex issir “referenza għal anness mehmuż”. Nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-rekwiżit tal-mili tal-informazzjoni rilevanti fl-ispazju limitat ipprovdut fl-applikazzjoni jkun ifisser li l-każ ma jkunx jista’ jiġi eżaminat mill-Qorti.

Informazzjoni jew spjegazzjonijiet addizzjonali jistgħu, jekk ikun hemm il-bżonn, jiġu miżjuda mal-applikazzjoni f’anness (dokument separat). Dawn ma jistgħux jaqbżu l-għoxrin paġna (dan ma jinkludix id-deċiżjonijiet u dokumenti mehmuża). Dan ma jfissirx li tista’ tibda s-sottomissjonijiet tiegħek fl-applikazzjoni u tkompli tikteb fuq il-paġni addizzjonali sakemm tilħaq għoxrin paġna. Dawn l-għoxrin paġna huma addizzjonali għad-dikjarazzjoni konċiża tal-fatti, l-ilmenti u l-konformità mal-kriterji ta’ ammissibbiltà li għandhom jiġu mimlija fit-taqsimiet rilevanti tal-applikazzjoni. L-ebda ilment ġdid ma jista’ jiġi miżjud f’tali anness. Dan tal-aħħar, għandu jiġi użat biss biex jiżviluppa l-ilmenti li diġà ġew imressqa fl-applikazzjoni nnfisha.

Jekk jogħġbok kun af li jekk każ jiġi kkomunikat lill-Gvern konvenut għall-osservazzjonijiet tagħhom, l-applikant ikollu opportunità biex jirrispondi billi jissottometti argumenti dettaljati.

Is-sottomissjonijiet kollha għandhom ikunu leġġibbli u jekk minbarra d-dikjarazzjoni tal-fatti, ilmenti u konformità mal-kriterji ta’ ammissibbiltà fl-applikazzjoni, jiġu mehmuża sottomissjonjiet ulterjuri dawn għandhom ikunu:

  • jekk ittajpjati, miktubin b’tipa ta’ mhux anqas minn 12 pt fil-parti prinċipali u b’tipa 10 pt fil-footnotes;
  • fil-każ ta’ annessi, f’paġna A4 b’ marġini ta’ mhux inqas minn wisa’ ta’ 3.5 ċentimetri;
  • innumerati konsekuttivament; u
  • maqsumin f’paragrafi nnumerati.

Bħala regola ġenerali, kwalunkwe informazzjoni fl-applikazzjoni u fid-dokumenti li jiġu ppreżentati fir-Reġistru, inkluż informazzjoni dwar l-applikant jew terzi persuni, huma aċċessibbli għall-pubbliku. Barra minn hekk, tali informazzjoni tista’ tkun aċċessibbli fuq l-Internet mid-database tal-Qorti HUDOC jekk il-Qorti tinkludi tali informazzjoni fid-dikjarazzjoni tal-fatti preparata għan-notifika lill-Gvern konvenut, f’deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà jew sfilz, jew f’sentenza. Għaldaqstant, għandek tipprovdi biss tali dettalji, li jikkonċernaw il-ħajja privata tiegħek jew dik ta’ terzi persuni jekk huma essenzjali sabiex il-każ jiġi mifhum.

Minn barra dan, jekk int ma tixtieqx li l-identità tiegħek tiġi żvelata lill-pubbliku, għandek tagħmel talba u tipprovdi r-raġunijiet għal dan it-tluq mir-regola normali ta’ aċċess ta’ informazzjoni lill-pubbliku fil-proċeduri. Il-Qorti tista’ tawtorizza l-anonimità f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati.

E. Dikjarazzjoni tal-fatti

58–60. Kun ċar u konċiż. Agħti dati eżatti.

Żomm ordni. Semmi l-avvenimenti fl-ordni li ġraw.

Jekk l-ilmenti tiegħek jirrigwardaw numru differenti ta’ kwistjonijiet (pereżempju proċeduri ġudizzjarji differenti), jekk jogħġbok ittratta kull kwistjoni fattwali separatament.

Għandek tipprovdi dokumenti biex tissosstanzja l-każ tiegħek, b’mod partikolari kopji ta’ sentenzi jew rekords dokumentati rilevanti dwar kwalunkwe miżura li fuqha qed tilmenta: pereżempju, notifika ta’ żgombru jew ordni ta’ deportazzjoni. Għandek tipprovdi provi dokumentati ukoll biex tissosstanzja t-talbiet tiegħek, bħal rapporti mediċi, dikjarazzjonijiet ta’ xhieda, traskrizzjonijiet, dokument ta’ titolu ta’ propjetà, jew rekords ta’ perjodu f’kustodja. Jekk ma tistax tikseb kopja tad-dokumenti rilevanti, għandek tispjega għalfejn ma tistax tagħmel dan.

F. Dikjarazzjoni tal-allegata/i vjolazzjoni/jiet tal-Konvenzjoni u/jew Protokolli u argumenti rilevanti

61–62. Għal kull ilment imressaq, għandek tispeċifika l-Artikolu tal-Konvenzjoni jew Protokoll invokat u tagħti spjegazzjoni qasira ta’ kif dan ġie miksur.

Spjega, b’mod preċiż kemm tista’, x’inhu l-ilment tiegħek taħt il-Konvenzjoni. Indika l-artikolu li fuqu qed tibbaża ruħek u spjega għalfejn il-fatti li int semmejt jinvolvu vjolazzjoni ta’ dak l-artikolu. Spjegazzjonijiet ta’ dan it-tip għandhom jiġu pprovduti għal kull ilment.

Eżempju:

Artikolu 6 § 1: il-proċeduri ċivili li jikkonċernaw it-talba tiegħi għal kumpens dwar inċident ħadu żmien irraġonevoli għaliex damu iktar minn għaxar snin, mill-10 ta’ Jannar 2002 sal-25 ta’ April 2012.

G. Konformità mal-kriterji ta’ ammissibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 35 § 1 tal-Konvenzjoni (informazzjoni li tikkonċerna l-eżawriment ta’ rimedji domestiċi u l-limitu ta’ erba’ xhur)

63. Hawnhekk għandek turi li tajt lill-iStat il-possibbiltà biex jirranġa l-affarijiet qabel ma ġejt quddiem il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-Qorti. Dan ifisser li għandek tispjega li int użajt ir-rimedji effettivi disponibbli fil-pajjiz ikkonċernat.

Għal kull ilment imressaq taħt il-Konvenzjoni jew il-Protokolli, jekk jogħġbok ipprovdi dawn li ġejjin:

  • id-data eżatta tad-deċiżjoni finali, l-isem tal-qorti jew tribunal u n-natura tad-deċiżjoni;
  • id-dati tad-deċiżjonijiet tal-qrati inferjuri jew tribunali oħrajn li wasslu għad-deċiżjoni finali; u
  • in-numru tar-rikors fil-proċeduri domestiċi.

Ehmeż kopji tad-deċiżjonijiet kollha li ttieħdu minn qrati jew organi ta’ deċiżjoni oħrajn, mill-iżgħar sal-ogħla; provdi ukoll kopji tat-talbiet tiegħek jew rikorsi ppreżentati quddiem il-qrati u t-talbiet ta’ appelli biex tkun tista’ turi li ressaqt is-sustanza tal-ilmenti taħt il-Konvenzjoni f’kull istanza.

Għandek turi ukoll li ressaqt kull ilment quddiem il-Qorti fi żmien erba’ xhur mid-deċiżjoni finali fil-proċess tal-eżawriment ta’ rimedji domestiċi għal dak l-ilment. Għaldaqstant, huwa kruċjali li tidentifika d-data tad-deċiżjoni finali. Għandek tipprovdi prova ta’ dan b’kopja tad-deċiżjoni datata. Jekk ma ksibtx kopja tad-deċiżjoni finali fil-ġurnata li ġiet deċiża, jew meta ġiet ippubblikata, għandek tissottometti prova tad-data tan-notifika, pereżempju, kopja tal-ittra rreġistrata jew l-envelope. Fejn m’hemmx rimedji effettivi disponibbli, għandek turi li ppreżentajt l-ilment fi żmien erba’ xhur mill-azzjoni, miżura jew deċiżjoni li dwarha qed tilmenta u għandek tissottometti prova dokumentata tad-data tal-azzjoni, miżura jew deċiżjoni.

64–65. Hawnhekk għandek tispjega jekk kienx hemm xi rimedju disponibbli li int ma użajtx. Jekk dan hu l-każ, għandek tagħti r-raġunijiet għalfejn m’għamiltx użu minnu.

Aktar informazzjoni utli dwar l-eżawriment ta’ rimedji domestiċi u l-konformità mal-limitu ta’ erba’ xhur tista’ tiġi misjuba fil-“Practical Guide on admissibility criteria” (www.echr.coe.int/applicants).

H. Informazzjoni li tikkonċerna proċeduri internazzjonali oħra (jekk dan hu l-każ)

66–67. Għandek tindika jekk issottomettejtx l-ilmenti fl-applikazzjoni tiegħek fi proċeduri internazzjonali oħra ta’ investigazzjoni u ftehim bonarju, pereżempju organu tan-Nazzjonijiet Uniti bħall-ILO jew il-Kumitat tad-Drittijiet Umani tan-Nazzjonijiet Uniti, jew arbitraġġ internazzjonali. Jekk għamilt hekk, għandek tagħti dettalji, inkluż l-isem tal-organu li quddiemu ssottomettejt l-ilmenti tiegħek, id-dati u d-dettalji tal-proċeduri li seħħew u d-dettalji dwar kwalunkwe deċiżjonijiet li ttieħdu. Għandek ukoll tissottometti kopji tad-deċiżjonijiet u d-dokumenti oħra rilevanti.

68–69. Applikazzjonijiet preċedenti jew pendenti quddiem il-Qorti: Int għandek ukoll tispeċifika jekk int bħala applikant għandekx, jew kellekx, applikazzjonijiet oħra quddiem il-Qorti, u jekk dan hu il-każ, agħti n-numru tal-applikazzjoni/jiet. Dan huwa essenzjali biex jassisti lill-Qorti fil-filing, irkuprar u pproċessar ta’ applikazzjonijiet differenti f’ismek.

I. Lista ta’ dokumenti mehmuża

70. Għandek tehmeż lista tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet imsemmija f’taqsimiet E, F, G u H fl-applikazzjoni b’mod numerat u kronologiku, kif ukoll dokumenti oħra li tixtieq li l-Qorti tikkunsidra bħala evidenza li tissosstanzja l-ilmenti tiegħek ta’ ksur tal-Konvenzjoni (traskrizzjonijiet, dikjarazzjonijiet ta’ xhieda, rapporti mediċi, eċċ.). Jekk jogħġbok indika fil-lista tad-dokumenti, il-paġna mil-mazz li fiha kull dokument jista’ jinstab sabiex il-Qorti tkun tista’ issibhom faċilment. Jekk l-ispazju fl-applikazzjoni ma jkunx biżżejjed, tista’ iżżid paġna ta’ kontinwazzjoni.

Għandek tehmeż kopji sħaħ u leġġibbli tad-dokumenti kollha msemmija fil-lista.

L-ebda dokument ma jiġi rritornat lilek. Għaldaqstant, huwa fl-interess tiegħek li tissottometti kopji u mhux l-oriġinali.

Int għandek:

  • tirranġa d-dokumenti fl-ordni skont id-data u l-proċeduri;
  • tagħti numru lill-paġni b’mod konsekuttiv; u
  • ma tistejpiljax, tibbindjax u ma twaħħalx tape fuq id-dokumenti.

AVVIŻ: Hija r-responsabbiltà tal-applikant li jieħu passi fil-ħin biex jipprovdi l-informazzjoni u d-dokumenti kollha biex l-applikazzjoni tkun kompluta. Jekk ma tipprovdix wieħed jew aktar mid-dokumenti neċessarji, l-applikazzjoni tiegħek tkun meqjusa bħala mhux kompluta u ma tiġix eżaminata mill-Qorti, sakemm ma tipprovdix spjegazzjoni adegwata għalfejn ma kontx kapaċi tippreżenta d-dokument jew id-dokumenti nieqsa.

Jekk jogħġbok żomm f’moħħok li għal raġunijiet ta’ saħħa, applikazzjonijiet li jinkludu oġġetti suspettużi jiġu meqruda.

Dikjarazzjoni u firma

Din it-taqsima għandha tinkludi firem oriġinali.

72–73. Kull applikant jew rappreżentant awtorizzat, għandu jiffirma d-dikjarazzjoni. Ħadd ieħor ma jista’ jagħmel dan.

Konferma ta’ korrispondent

74. Ir-Reġistru jikkomunika ma’ applikant jew rappreżentant wieħed biss. Dan ifisser li jekk hemm numru ta’ applikanti u ebda rappreżentant ma ġie appuntat, applikant wieħed għandu jiġi identifikat bħala l-persuna ma’ min ir-Reġistru għandu jikkomunika. Fejn l-applikant huwa rappreżentat, ir-Reġistru jikkomunika ma’ rappreżentant wieħed biss. Jiġifieri, pereżempju, applikant li jkollu iktar minn avukat wieħed, għandu jidentifika l-avukat li se jikkomunika mal-Qorti.

III. Informazzjoni dwar l-ippreżentar tal-applikazzjoni u kif tiġi pproċessata

A. Metodu kif applikazzjoni tiġi ppreżentata

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu magħmula bil-posta biss (mhux bit-telephone). Dan ifisser li l-verżjoni stampata tal-applikazzjoni bil-firem oriġinali tal-applikant u/jew tar-rappreżentant awtorizzat għandha tiġi mibgħuta bil-posta. Applikazzjoni b’fax ma tgħoddx bħala applikazzjoni kompluta għax il-Qorti jkollha bżonn tirċievi l-applikazzjoni oriġinali ffirmata. Ebda skop ma jiġi milħuq billi tiġi Strasbourg biex tiftaħ l-kawża tiegħek bil-fomm.

L-applikazzjoni tista’ tiġi mniżżla mis-sit elettroniku tal-Qorti www.echr.coe.int/applicants.

Ibgħat l-applikazzjoni lil:

The Registrar
European Court of Human Rights
Council of Europe
67075 STRASBOURG CEDEX
FRANCE

B. Ipproċessar tal-applikazzjoni

File jiġi miftuħ u komunikazzjoni u dokumenti jiġu miżmuma mill-Qorti biss meta applikazzjoni bid-dokumenti ta’ sostenn tiġi rċivuta.

Meta tiġi rċivuta applikazzjoni, ir-Reġistru tal-Qorti jivverifika li tkun fiha l-informazzjoni u d-dokumenti kollha neċessarji. Fin-nuqqas ta’ dan, tirċievi risposta li r-Regola 47 ma ġietx imħarsa, li l-ebda file ma ġie miftuħ u li l-ebda dokument ma ġie miżmum. Imbagħad int tista’ tissottometti applikazzjoni ġdida: dan ifisser li jkollok tissottometti applikazzjoni kompluta bid-dokumenti u d-deċiżjonijiet rilevanti, anke jekk tkun bgħatt xi uħud minnhom qabel. Sottomissjonijiet inkompluti ma jiġux aċċettati.

Ir-Reġistru ma jistax jipprovdilek informazzjoni dwar il-liġi tal-iStat kontra liema qed tilmenta. Lanqas ma jista’ jagħtik parir legali dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali.

Meta tibgħat l-applikazzjoni tiegħek, għandek iżżomm kopja tal-applikazzjoni kif mimlija minnek flimkien mad-dokumenti oriġinali, sabiex jekk ir-Reġistru jinfurmak li l-applikazzjoni tiegħek mhux kompluta, int tkun tista’ tippreżenta applikazzjoni ġdida u kompluta mingħajr diffikultà jew dewmien bla bżonn. M’hemm l-ebda garanzija li jekk l-applikazzjoni tiġi miċħuda għax ma tkunx kompluta ikun hemm ħin biżżejjed għalik biex tippreżenta applikazzjoni ġdida qabel jiskadi l-limitu ta’ erba’ xhur. Għal din ir-raġuni, għandek tieħu ħsieb li tippreżenta applikazzjoni kompluta, flimkien mad-dokumenti neċessarji ta’ sostenn, fil-ħin.

Jekk l-applikazzjoni ippreżentata tkun kompluta, tista’ tirċievi risposta mill-Qorti fejn tgħarrfek li file (li n-numru tiegħu għandu jiġi msemmi f’kull korrispondenza sussegwenti) ġie miftuħ f’ismek u tibgħatlek set ta’ tikketti tal-barcode (li tkun trid twaħħal f’komunikazzjonijiet sussegwenti).

interess tiegħek li tirrispondi kull komunikazzjoni mir-Reġistru malajr għaliex file li jkun għadu kif ġie miftuħ u li jkun inattiv jiġi distrutt wara sitt xhur. Barra minn hekk, għandek tinnota li fejn każ jiġi allokat għal eżaminazzjoni mill-Qorti, kwalunkwe dewmien jew nuqqas li tirrispondi għal komunikazzjoni mir-Reġistru jew li tipprovdi aktar informazzjoni jew dokumenti, jista’ jagħti lill-Qorti x’tifhem li m’għadekx tixtieq tkompli bil-każ tiegħek. Dan jista’ jwassal għal deciżjoni ta’ inammissibbiltà jew sfilz mil-lista tal-każijiet, jew f’sitwazzjoni fejn il-Qorti ma teżaminax il-każ tiegħek.

C. Ebda ħlas tal-Qorti

Il-każ tiegħek jiġi eżaminat mill-Qorti bla ħlas. Int tkun infurmat awtomatikament bi kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Qorti.