Ir-Regoli Tal-Qorti
Regola 471 – Kontenut ta’ applikazzjoni individwali
1. Applikazzjoni mressqa skont l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni għandha tiġi magħmula permezz tal-formola pprovduta mir-Reġistru, sakemm il-Qorti ma tiddeċidix mod ieħor. L-applikazzjoni għandha jkollha l-informazzjoni kollha mitluba fit-taqsimiet rilevanti tal-applikazzjoni u għandha tipprovdi
(a) l-isem, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità u l-indirizz tal-applikant u, fejn l-applikant ikun entità legali, l-isem sħiħ, id-data ta’ inkorporazzjoni jew reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni uffiċjali (jekk jeżisti) u l-indirizz uffiċjali;
(b) l-isem, l-indirizz, in-numri tat-telephone u fax u l-email tar-rappreżentant, jekk dan ikun il-każ;
(c) fejn l-applikant ikun rappreżentat, il-firma datata u oriġinali tal-applikant fit-taqsima tal-prokura fl-applikazzjoni; il-firma oriġinali tar-rappreżentant, li turi li hu jew hi aċċetta jew aċċettat li jaġixxi jew taġixxi għall-applikant, għandha ssir ukoll fit-taqsima tal-prokura fl-applikazzjoni; il-Qorti tista’ taċċetta kopji tal-firem jew formoli oħra ta’ prokura validi fil-liġi domestika tal-Partijiet Kontraenti, jekk jiġu pprovduti raġunijiet impellenti għan-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti u lformola ta’ prokura tal-Qorti b’firem oriġinali tiġi mibgħuta lill-Qorti fi żmien raġonevoli;
(d) l-isem tal-iStat jew Stati kontraenti kontra liema l-applikazzjoni hija magħmula;
(e) dikjarazzjoni konċiża u leġġibbli tal-fatti;
(f) dikjarazzjoni konċiża u leġġibbli tal-allegata/i vjolazzjoni/jiet tal-Konvenzjoni u l-argumenti rilevanti; u
(g) dikjarazzjoni konċiża u leġġibbli li tikkonferma li l-applikant ikkonforma mal-kriterji ta’ ammissibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 35 § 1 tal-Konvenzjoni.
2.
(a) L-informazzjoni kollha msemmija f’paragrafu 1 (e) sa (g) hawn fuq, li għandha tkun ipprovduta fit-taqsimiet rilevanti tal-applikazzjoni, għandha tkun biżżejjed biex tippermetti lill-Qorti li tiddetermina n-natura u l-iskop tal-applikazzjoni mingħajr referenza għal xi dokument ieħor.
(b) L-applikant jista’ però jżid ma’ l-informazzjoni pprovduta billi jehmeż mal-applikazzjoni iktar dettalji dwar il-fatti, l-allegati vjolazzjonijiet tal-Konvenzjoni u l-argumenti rilevanti. Tali informazzjoni ma tistax taqbeż l-20 paġna.
3.1. L-applikazzjoni għandha tkun iffirmata mill-applikant jew mir-rappreżentant tal-applikant u għandha tkun akkumpanjata
(a) b’kopji ta’ dokumenti li jikkonċernaw id-deċiżjonijiet jew miżuri li dwarhom qed isir l-ilment, dawk ġudizzjarji kif ukoll dawk mhux ġudizzjarji;
(b) b’kopji ta’ dokumenti u deċiżjonijiet li juru li l-applikant ikkonforma mar-rekwiżiti tal-eżawriment ta’ rimedji domestiċi u l-limitu ta’ sitt xhur stabbiliti fl-Artikolu 35 § 1 tal-Konvenzjoni;
(c) fejn ikun xieraq, b’kopji ta’ dokumenti li jikkonċernaw kwalunkwe proċedura internazzjonali oħra ta’ investigazzjoni jew ftehim bonarju;
(d) fejn l-applikant ikun entità legali kif imsemmi fir-Regola 47 § 1 (a), b’dokument jew dokumenti li juru li l-individwu li ppreżenta l-applikazzjoni għandu l-awtorità biex jirrappreżenta lill-applikant.
3.2. Id-dokumenti ppreżentati ma’ l-applikazzjoni għandhom ikunu mniżlin f’ordni kronoloġiku, innumerati konsekuttivament u identifikati b’mod ċar.
4. Applikanti li ma jkunux jixtiequ li l-identità tagħhom tiġi żvelata lill-pubbliku għandhom jindikaw dan u għandhom jipprovdu dikjarazzjoni bir-raġunijiet li jiġġustifikaw tali tluq mir-regola ġenerali ta’ aċċess lill-pubbliku għal informazzjoni fi proċeduri quddiem il-Qorti. Il-Qorti tista’ tawtorizza l-anonimità jew tagħtiha minn jeddha.
5.1. Nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ din ir-Regola jfisser li l-applikazzjoni ma tiġix eżaminata mill-Qorti, sakemm
(a) l-applikant ma jkunx ipprovda spjegazzjoni adegwata għan-nuqqas ta’ konformità;
(b) l-applikazzjoni ma tikkonċernax talba għall-miżura temporanja;
(c) il-Qorti ma tordnax mod ieħor minn jeddha jew fuq talba tal-applikant.
5.2. Il-Qorti tista’ f’kull każ titlob lill-applikant jipprovdi, f’limitu ta’ żmien stabbilit, informazzjoni jew dokumenti fi kwalunkwe forma jew mod li jkun xieraq.
6.
(a) Id-data ta’ introduzzjoni tal-applikazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 35 § 1 tal-Konvenzjoni għandha tkun id-data li fiha l-applikazzjoni, li tkun tissodisfa r-rekwiżiti ta’ din ir-Regola, tiġi mibgħuta lill-Qorti. Id-data tad-dispatch għandha tkun id-data tat-timbru postali.
(b) Fejn il-Qorti tqis li dan ikun iġġustifikat, tista’ madankollu tiddeċiedi li data differenti għandha tkun ikkunsidrata bħala d-data ta’ introduzzjoni.
7. Applikanti għandhom iżommu lill-Qorti nfurmata bi kwalunkwe tibdil fl-indirizz u taċ-ċirkostanzi kollha rilevanti għall-applikazzjoni.
__________1 Kif emendata mill-Qorti fis-17 ta’ Ġunju u t-8 ta’ Lulju 2002, fil-11 ta’ Diċembru 2007, fit-22 ta’ Settembru 2008, fis-6 ta’ Mejju 2013, fl-1 ta’ Ġunju u fil-5 ta’ Ottubru 2015 u 18 ta’ Jannar 2024.