Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hija qorti internazzjonali (għandha s-sede tagħha fi Strasbourg), li tista’ teżamina biss ilmenti mingħand persuni, għaqdiet u kumpaniji li jallegaw li d-drittijiet tagħhom taħt il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ġew miksura.
Il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fondamentali hija trattat internazzjonali li bih numru kbir ta’ Stati Ewropej qablu li jiggarantixxu ċerti drittijiet fondamentali. Id-drittijiet garantiti huma stabbiliti fil-Konvenzjoni innifisha u fil-Protokolli numri 1, 4, 6, 7, 12 u 13, li ma ġewx aċċettati mill-iStati kollha.
Il-Qorti tapplika l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Xogħolha huwa li tiżgura li l-Istati jirrispettaw id-drittijiet u l-garanziji definiti fil-Konvenzjoni. Dan tagħmlu billi teżamina l-ilmenti (magħrufin bħala “applikazzjonijiet”) mressqin minn individwi jew, kultant, minn Stati. Meta ssib li xi Stat membru kiser wieħed jew aktar drittijiet u garanziji, l-Qorti tagħti sentenza. Is-sentenzi huma vinkolanti: l-pajjiżi kkonċernati huma obbligati jirrispettawhom.
M’hemmx għalfejn tkun ċittadin ta’ wieħed mill-Istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa. Huwa biżżejjed li l-ksur li tilmenta dwaru jkun ġie mwettaq minn wieħed minn dawk l-Istati, fil “ġurisdizzjoni” tiegħu, li normalment ifisser fit-territorju tiegħu. L-att jew omissjoni suġġett tal-ilment irid ikun ġie mwettaq minn wieħed jew aktar awtoritajiet pubbliċi fl-Istat(i) kkonċernat(i) (per eżempju qorti jew awtorita` amministrattiva). Il-Qorti ma tistax tittratta lmenti kontra individwi jew istituzzjonijiet privati, bħal kumpanniji kummerċjali. Trid tkun int direttament u personalment il-vittma tal-ksur li tallega. Ma tistax tagħmel ilment ġenerali fuq liġi jew miżura, per eżempju għax jidhirlek li hi inġusta; lanqas ma tista’ tressaq ilment f’isem persuni oħrajn (sakemm ma jiġux identifikati b’mod ċar u int tkun ir-rappreżentant uffiċjali tagħhom). Ma tistax tilmenta dwar ksur ta’ strumenti legali oħra li ma jkunux il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, bħal per eżempju d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jew il Karta tad-Drittijiet Fondamentali.
Trid tkun użajt ir-rimedji kollha disponibbli fl-Istat ikkonċernat li bihom kien ikun possibli tirrimedja s-sitwazzjoni li qed tilmenta dwara (normalment dan ifisser azzjoni quddiem qorti xierqa, segwita b’appell, u jekk japplika, anki appell ulterjuri quddiem qorti ogħla bħal qorti suprema jew qorti kostituzzjonali, fejn dawn jeżistu). Mhux biżżejjed li tkun sempliċement użajt dawn ir-rimedji. Trid tkun realment ressaqt l-ilmenti tiegħek (jiġifieri s-sustanza tal-ksur tal-Konvenzjoni li qed tallega). Għandhek erba’ xhur biss mid-data tad-deċiżjoni definittiva fuq illivell nazzjonali (normalment is-sentenza tal-ogħla qorti) biex tressaq applikazzjoni. L-applikazzjoni, flimkien mal-informazzjoni u d-dokumenti neċessarji, għandha tiġi impustata lill-Qorti mill-anqas fl-aħħar ġurnata tal-perjodu ta’ erba’ xhur, jew qabel. Ivverifika li tkun fiha l-informazzjoni u d-dokumenti kollha neċessarji.
Il-Qorti ma tistax teżamina kull tip ta’ ilment. Il-poteri tagħha huma definiti mill-kriterji ta’ ammissibbiltà stabbiliti fil-Konvenzjoni, li jillimitaw min jista’ jilmenta, meta u fuq xiex. Iktar minn disgħin fil-mija tal-applikazzjonijiet eżaminati mill-Qorti jiġu ddikjarati inammissibbli. Għaldaqstant għandek tassigura li l-ilmenti tiegħek jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà. Għal aktar informazzjoni fuq dawn il-kriterji tista’ tikkonsulta avukat.
Il-każ tiegħek jiġi ttrattat bla ħlas. Int ikollok tħallas biss l-ispejjes tiegħek (bħal miżati tal-avukati jew xi spejjes oħra li jirrigwardaw ir-riċerka u l-korrispondenza). Il-Qorti ma tgħinekx tħallas avukat biex jiktiblek l-applikazzjoni. Allavolja ma huwiex neċessarju li tkun rappreżentat minn avukat fl-ewwel stadji tal-proċedura, jkollok bżonn avukat ladarba l-applikazzjoni tiegħek tkun ġiet notifikata lill-Gvern.
Jekk il-Qorti ssib li kien hemm ksur, tista’ tgħatik “soddisfazzjon xierqa”, din tikkonsisti f’somma ta’ flus bħala kumpens għal ċerti forom ta’ dannu. Il-Qorti tista’ wkoll tobbliga lill-Istat ikkonċernat jħallas l-ispejjes li int infaqt biex tippreżenta l-każ tiegħek.