Istruzzjoni dwar il-Prattika
Talbiet għal miżuri temporanji1

(Regola 39 tar-Regoli tal-Qorti)

1 Istruzzjoni dwar il-prattika maħruġa mill-President tal-Qorti skont ir-Regola 32 tar-Regoli tal-Qorti fil-5 ta’ Marzu 2003 u riveduta fis-16 ta’ Ottubru 2009, fis-7 ta’ Lulju 2011, fit-3 ta’ Mejju 2022 u fit-28 ta’ Marzu 2024

I. Introduzzjoni

Fis-sistema tal-Konvenzjoni, il-miżuri temporanji jistgħu, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, kemm fuq talba ta’ parti jew ta’ kwalunkwe persuna oħra kkonċernata, kif ukoll fuq inizjattiva tal-Qorti stess, jiġu indikati skont ir-Regola 39 tar-Regoli tal-Qorti, meta jkun hemm riskju imminenti ta’ dannu irreparabbli. Huma għandhom rwol essenzjali biex jiġu evitati sitwazzjonijiet irriversibbli li ma jħallux lill-qrati nazzjonali u/jew lill-Qorti jeżaminaw kif xieraq l-ilmenti taħt il-Konvenzjoni u, fejn ikun xieraq, biex jiġi żgurat lill-applikant il-benefiċċju prattiku u effettiv tad-drittijiet taħt il-Konvenzjoni li jkun qed jinvoka.

Nuqqas min-naħa ta’ Parti Kontraenti konvenuta li tikkonforma ma’ miżuri temporanji jdgħajjef l-effettività tad-dritt ta’ applikazzjoni individwali ggarantit mill-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-impenn formali tal-Istat fl-Artikolu 1 li jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti fil-Konvenzjoni. Meta tindika miżuri temporanji, il-Qorti teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha biex tiżgura l-osservanza tal-impenji meħuda mill-Partijiet Għolja Kontraenti fil-Konvenzjoni u fil-Protokolli tagħha, skont l-Artikolu 19; din il-ġurisdizzjoni testendi għal kull kwistjoni li tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom, kif previst fl-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni (ara, inter alia, Mamatkulov and Askarov v. Turkey [GC], nos. 46827/99 u 46951/99, §§ 128–29, ECHR 2005-I; Paladi v. Moldova [GC], no. 39806/05, §§ 84–106, 10 ta’ Marzu 2009; M.K. and Others v. Poland, nos. 40503/17 u 2 oħrajn, §§ 229–38, 23 ta’ Lulju 2020; u K.I. v. France, no. 5560/19, § 115, 15 ta’ April 2021). Għaldaqstant, il-miżuri temporanji huma vinkolanti.

It-test tar-Regola 39 ġie emendat fit-23 ta’ Frar 2024 bil-għan li jiġu ċċarati aktar iċ-ċirkustanzi li fihom jistgħu jiġu indikati miżuri temporanji u l-limitu li għandu jintlaħaq fir-rigward tat-talba għalihom u tal-applikazzjoni tagħhom. L-emenda kellha wkoll l-għan li tallinja t-test tar-Regola mal-ġurisprudenza u l-prattika stabbiliti sew tal-Qorti fir-rigward tal-miżuri temporanji.

L-għan ta’ din l-Istruzzjoni dwar il-Prattika riveduta huwa li tipprovdi gwida dettaljata dwar l-aspetti sostantivi u proċedurali tal-proċedura tal-Qorti dwar il-miżuri temporanji skont ir-Regola 39 tar-Regoli tal-Qorti, sabiex tagħti aktar ċarezza u trasparenza fit-tmexxija tal-proċeduri relatati mal-miżuri temporanji, fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom jistgħu jingħataw dawn il-miżuri u dwar meta jistgħu jerġgħu jiġu kkunsidrati. Hija indirizzata lill-applikanti (potenzjali), lir-rappreżentanti tagħhom, lill-Partijiet Kontraenti u, b’mod ġenerali, lill-partijiet interessati.

II. Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-funzjonament tal-proċedura dwar il-miżuri temporanji

A. Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regola 39 tar-Regoli tal-Qorti

Meta l-Qorti tindika miżura temporanja, kif tagħmel f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija tfittex li tipprovdi protezzjoni kontra riskju imminenti ta’ dannu irreparabbli. Għaldaqstant, wara li teżamina l-informazzjoni kollha disponibbli, il-Qorti tordna lill-partijiet fil-proċeduri jimplimentaw tali miżura biss jekk tqis li l-miżura hija meħtieġa fl-interessi tal-partijiet jew għat-tmexxija xierqa tal-proċeduri. Miżuri temporanji indikati mill-Qorti jistgħu jirrikjedu lill-partijiet joqogħdu lura milli jieħdu ċerti azzjonijiet jew jordnawlhom jieħdu miżuri speċifiċi.

Il-verżjoni l-ġdida kkodifikata tar-Regola 39 tirreferi għall-applikabbiltà tal-miżuri temporanji f’każijiet ta’ “riskju imminenti ta’ dannu irreparabbli għal dritt taħt il-Konvenzjoni”. Il-kunċett ta’ “dannu irreparabbli għal dritt taħt il-Konvenzjoni” ġie ddefinit bħala dannu li, minħabba n-natura tiegħu, ma jkunx suxxettibbli għal riparazzjoni, restawr jew kumpens adegwat. F’dan il-kuntest, it-terminu “restawr” għandu jinftiehem bħala ritorn għas-sitwazzjoni ta’ qabel ma seħħ id-dannu. Għalhekk, il-Qorti tindika miżuri temporanji meta jkun hemm riskju li, fin-nuqqas ta’ tali miżuri, tinħoloq sitwazzjoni li fiha restitutio in integrum u forom oħra ta’ riparazzjoni ma jkunux possibbli jekk il-Qorti tqis li jkunu ġġustifikati fi tmiem il-proċeduri quddiemha. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi ta’ każ iridu jaqbżu limitu għoli ta’ serjetà sabiex ir-Regola 39 tkun applikabbli. Il-miżuri temporanji jiġu indikati biss meta jkun hemm evidenza prima facie ta’ riskju imminenti ta’ dannu irreparabbli, u mhux meta l-applikanti jkunu sempliċement ser iġarrbu tbatija fin-nuqqas ta’ miżuri temporanji. Fir-rigward tal-eżawriment tar-rimedji domestiċi, ara l-parti III.C hawn taħt.

Għaldaqstant, bħala prinċipju, il-Qorti tindika miżuri temporanji biss f’każijiet eċċezzjonali u fuq il-bażi ta’ eżami rigoruż taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Fil-biċċa l-kbira ta’ dawn il-każijiet, l-evidenza disponibbli tindika b’mod ċar każ argumentabbli ta’ theddida ġenwina għall-ħajja u għall-integrità fiżika, bir-riskju reali konsegwenti ta’ dannu gravi bi ksur tad-dispożizzjonijiet ċentrali tal-Konvenzjoni.

B. Korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-proċedura tar-Regola 39

Is-setgħa tal-Qorti li tiddeċiedi dwar talbiet għal miżuri temporanji tiġi eżerċitata minn imħallfin tal-għassa jew, fejn ikun xieraq, mill-President tas-Sezzjoni, mill-Kamra, mill-President tal-Kamra l-Kbira, mill-Kamra l-Kbira jew mill-President tal-Qorti (Regola 39 § 2).

L-imħallfin tal-għassa huma l-imħallfin eletti bħala Viċi-Presidenti tal-ħames Sezzjonijiet skont ir-Regola 8 §§ 1 u 2. Huma jinħatru mill-President tal-Qorti skont ir-Regola 39 § 5 biex jiddeċiedu dwar talbiet għal miżuri temporanji. Mill-2022, il-ħames Viċi-Presidenti kollha tas-Sezzjonijiet iservu bħala mħallfin tal-għassa. Bħala prassi, l-imħallfin tal-għassa ma jeżaminawx talbiet għal miżuri temporanji kontra l-Parti Kontraenti li fir-rigward tagħha dak l-imħallef ikun ġie elett jew li tagħha jkun ċittadin.

Fil-verżjoni emendata tar-Regola 39, il-Qorti plenarja ddeċidiet li tintroduċi bażi legali speċifika li tippermetti lill-President tal-Qorti, fejn ikun meħtieġ, jindika miżuri temporanji.

Talbiet għal miżuri temporanji f’applikazzjonijiet individwali ġodda jiġu eżaminati primarjament minn imħallfin tal-għassa, bl-assistenza ta’ unità speċjalizzata fi ħdan ir-Reġistru tal-Qorti. L-imħallfin tal-għassa jibqgħu jkollhom il-possibbiltà li jirrinvijaw talba għal miżuri temporanji lil wieħed mill-organi l-oħra li jieħdu d-deċiżjonijiet elenkati fir-Regola 39 § 2, inklużi korpi kolleġġjali. Tali rinviji jistgħu jsiru f’diversi sitwazzjonijiet u jiddependu fuq in-natura tat-talba, il-każ li fih issir it-talba, u l-livell ta’ urġenza involut. Dan il-livell ta’ urġenza jista’ jfisser li rinviju lil korp kolleġġjali ma jkunx possibbli; f’dak il-każ, l-imħallef tal-għassa jista’ jiddeċiedi li japplika r-Regola 39 temporanjament bil-għan, inter alia, li jiffaċilita l-eżami sussegwenti tat-talba għal miżura temporanja minn dak il-korp. Il-Qorti nnifisha tiddeċiedi jekk talba għandhiex tiġi eżaminata minn korp kolleġġjali.

Talbiet għal miżuri temporanji mressqa f’applikazzjonijiet interstatali, f’applikazzjonijiet individwali pendenti quddiem il-Kamra l-Kbira u f’applikazzjonijiet individwali kkomunikati li diġà ġew assenjati lis-Sezzjonijiet jiġu, bħala prinċipju, eżaminati mill-President tal-Qorti, mill-President tal-Kamra l-Kbira jew mill-Presidenti tas-Sezzjonijiet. Il-possibbiltà ta’ rinviju lil korp kolleġġjali tapplika wkoll meta s-setgħa deċiżjonali tkun, fl-ewwel istanza, f’idejn il-President tal-Qorti, il-President tal-Kamra l-Kbira jew il-Presidenti tas-Sezzjonijiet.

C. Il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar talbiet għal miżuri temporanji

Wara r-reviżjoni tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet skont ir-Regola 39 li wettqet il-Qorti plenarja fl-2023, u tkun xi tkun in-natura tad-deċiżjoni adottata (pereżempju, l-għoti ta’ miżuri temporanji, iċ-ċaħda ta’ talbiet, id-differiment tal-eżami ta’ talbiet, it-tneħħija ta’ miżuri temporanji eżistenti), id-deċiżjonijiet kollha tal-Qorti dwar miżuri temporanji jiġu nnotifikati lill-partijiet fil-forma ta’ deċiżjoni ffirmata mill-imħallef tal-għassa, mill-President tas-Sezzjoni jew tal-Kamra l-Kbira, jew mill-President tal-Qorti, skont il-każ. L-ismijiet tal-imħallfin li jadottaw deċiżjonijiet fil-proċedura li tirregola l-miżuri temporanji jiġu dejjem indikati fid-deċiżjonijiet.

Id-deċiżjonijiet ikunu akkumpanjati b’ittra mir-Reġistru li tinkludi informazzjoni dwar il-proċedura, flimkien ma’ kwalunkwe istruzzjoni jew talba indirizzata lill-partijiet.

L-applikanti jiġu infurmati bid-deċiżjonijiet tal-Qorti dwar talbiet għal miżuri temporanji permezz tas-sit ECHR Rule 39 Site, bil-fax jew bil-posta.

Il-Qorti tista’ tindika miżuri temporanji sa avviż ulterjuri, għat-tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti jew għal perjodu ta’ żmien limitat, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ.

Meta jingħataw miżuri temporanji għal perjodu ta’ żmien limitat, dan jista’ jsir għal diversi raġunijiet, bħal: sakemm tasal informazzjoni rilevanti mingħand il-partijiet fuq talba tal-Qorti; sabiex il-qrati domestiċi jkunu jistgħu, fi proċeduri pendenti, jikkunsidraw bis-sħiħ il-kwistjoni li tkun is-suġġett tat-talba għal miżura temporanja; għaliex jitqies li t-talba għandha tiġi eżaminata minn korp kolleġġjali u jkun meħtieġ aktar żmien biex tiġi skedata laqgħa; jew għaliex l-imħallef tal-għassa jqis li jkun meħtieġ aktar żmien qabel ma tinħareġ deċiżjoni.

Meta l-Qorti tkun talbet aktar informazzjoni, iż-żewġ partijiet jiġu mistiedna, skont ir-Regola 54 § 2 (a) tar-Regoli tal-Qorti, jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa f’perjodu ta’ żmien speċifikat. It-tul ta’ dak il-perjodu jiddependi miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-urġenza tat-talba. F’dawn il-każijiet, wara li tirċievi l-informazzjoni mingħand il-partijiet, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li testendi, li ma testendix jew li tneħħi kwalunkwe miżura temporanja fis-seħħ.

Il-Qorti tista’ tiddeċiedi wkoll li tiddifferixxi l-eżami ta’ talbiet għal miżuri temporanji u tistieden lill-partijiet jipprovdu informazzjoni meta l-livell ta’ urġenza jippermetti dan. Dan japplika f’każijiet fejn l-informazzjoni li l-applikanti setgħu jippreżentaw lill-Qorti ma tkunx biżżejjed biex il-Qorti teżamina t-talba u fejn jitqies fattibbli li tintalab informazzjoni mingħand il-Parti Kontraenti konvenuta qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni.

Meta l-eżami tat-talba jiġi differit, il-Parti Kontraenti konvenuta jew iż-żewġ partijiet jiġu mistiedna, skont ir-Regola 54 § 2 (a), jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa f’perjodu ta’ żmien speċifikat. It-tul ta’ dak il-perjodu jiddependi miċ-ċirkustanzi tal-każ u mil-livell ta’ urġenza tat-talba. Meta tasal l-informazzjoni mingħand il-partijiet, il-Qorti tista’ jew terġa’ tiddifferixxi l-eżami tat-talba u tagħmel mistoqsijiet ulterjuri lill-partijiet, jew tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar it-talba għal miżuri temporanji.

Il-Qorti tista’ tiddeċiedi wkoll li tagħti avviż ta’ miżura temporanja lill-Kumitat tal-Ministri, skont ir-Regola 39 § 3 tar-Regoli tal-Qorti, meta l-korp ġudizzjarju li adotta l-miżura temporanja jqis li n-notifika hija ġġustifikata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-partijiet jiġu infurmati bin-notifika.

Meta jkun allegat li Parti Kontraenti konvenuta naqset milli tikkonforma ma’ miżura temporanja u l-Qorti tiddeċiedi li tagħti avviż tal-applikazzjoni jew ta’ parti mill-applikazzjoni lill-Parti Kontraenti konvenuta, il-Kumitat tal-Ministri jista’ wkoll jiġi nnotifikat bi kwalunkwe mistoqsija mqajma dwar il-konformità mal-obbligi taħt l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni.

Iż-żewġ partijiet għandhom id-dmir li jikkooperaw bis-sħiħ fit-tmexxija tal-proċeduri u, b’mod partikolari, li jieħdu kull azzjoni li tkun fis-setgħa tagħhom u li l-Qorti tqis meħtieġa għall-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja (ara r-Regola 44A). Għall-applikanti, dan ifisser li għandhom jiżguraw li t-talbiet għal miżuri temporanji jitressqu fil-ħin u jkun fihom l-informazzjoni u d-dokumenti kollha meħtieġa (ara l-paragrafi 32–37 hawn taħt). Huwa kruċjali li l-applikanti ma jdewmux it-tressiq tat-talba tagħhom sabiex joħolqu livell ogħla ta’ urġenza. Tali dewmien jista’ jaffettwa ħażin id-drittijiet u l-interessi tal-applikanti u l-kapaċità tal-Qorti li tittratta b’mod effettiv talbiet għal miżuri temporanji. Għall-Partijiet Kontraenti, f’ħafna każijiet, għalkemm mhux f’kollha, il-kontroll tal-livell ta’ urġenza jista’ jkun f’idejhom. Il-Qorti tenfasizza li l-Partijiet Kontraenti jistgħu dejjem javżawha minn qabel meta jqisu li talba skont ir-Regola 39 tista’ tkun imminenti, filwaqt li jipprovdu kwalunkwe informazzjoni rilevanti meta jagħmlu dan.

Kif spjegat fil-paragrafu 13 hawn fuq, id-deċiżjonijiet tal-Qorti dwar talbiet għal miżuri temporanji jiġu nnotifikati lill-partijiet fil-forma ta’ deċiżjoni ffirmata mill-korp ġudizzjarju li jkun adottaha. Jista’ jingħata raġunament ulterjuri dwar id-deċiżjoni, skont id-diskrezzjoni ta’ dak il-korp ġudizzjarju.

Kontra kwalunkwe deċiżjoni relatata ma’ talbiet għal miżuri temporanji ma jista’ jsir l-ebda appell.

Madankollu, Parti Kontraenti konvenuta tista’ titlob lill-Qorti tirrikunsidra d-deċiżjoni tagħha li tindika miżuri temporanji jekk tqis li l-miżuri ma għadhomx meħtieġa, jew meta jkollha informazzjoni li ma kinitx disponibbli fiż-żmien rilevanti jew li ma tqiegħditx għad-dispożizzjoni tal-Qorti fil-ħin. Ma hemm l-ebda terminu fiss għat-tressiq ta’ tali talbiet. Meta tasal talba għal rikunsiderazzjoni, jistgħu jintalbu osservazzjonijiet mingħand il-parti l-oħra, li għandhom jiġu ppreżentati f’perjodu ta’ żmien speċifikat. Il-Qorti mbagħad teżamina s-sottomissjonijiet tal-partijiet u tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar it-talba għal rikunsiderazzjoni fuq il-bażi ta’ kwalunkwe informazzjoni fattwali u legali rilevanti u aġġornata.

Fil-każ ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi, l-applikanti jistgħu jressqu talba ġdida għal miżuri temporanji meta t-talba inizjali ma tkunx ġiet milqugħa.

Miżura skont ir-Regola 39 tista’ titneħħa fi kwalunkwe ħin b’deċiżjoni tal-Qorti. B’mod partikolari, peress li ordni skont ir-Regola 39 hija marbuta mal-proċeduri quddiem il-Qorti, il-miżura titneħħa jekk l-applikazzjoni ma titkompliex.

Fejn ikun iġġustifikat, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li tiddikjara applikazzjoni inammissibbli fl-istess waqt li tiċħad talba għal miżuri temporanji.

Skont il-politika ta’ prijorità tal-Qorti, applikazzjonijiet li fihom ikunu ġew indikati miżuri temporanji jaqgħu fil-kategorija ta’ “Applikazzjonijiet urġenti” (kategorija I). Għaldaqstant jingħataw preċedenza fuq applikazzjonijiet f’kategoriji oħra u jiġu pproċessati u deċiżi mill-aktar fis possibbli (ara wkoll Il-Politika ta’ Prijorità tal-Qorti).

III. Informazzjoni prattika dwar il-miżuri temporanji

Talbiet għal miżuri temporanji jiġu eżaminati fuq bażi individwali fi proċedura bil-miktub u jiġu ttrattati bħala kwistjoni ta’ prijorità. Skont il-prattika tal-Qorti, talbiet li jaqgħu b’mod ċar barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regola 39, talbiet prematuri, u talbiet mhux kompluti jew mhux sostanzjati normalment ma jitressqux quddiem imħallef għal deċiżjoni u jiġu miċħuda. L-applikanti jew ir-rappreżentanti tagħhom li jagħmlu talba għal miżura temporanja skont ir-Regola 39 tar-Regoli tal-Qorti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti hawn taħt2.

2 Huwa essenzjali li jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt kollha.

A. Informazzjoni u dokumenti mitluba

It-talbiet għandhom, fejn ikun possibbli, ikunu f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Partijiet Kontraenti u għandhom jitressqu permezz tas-sit ECHR Rule 39 Site, jew bil-fax jew bil-posta. Il-Qorti ma tittrattax talbiet mibgħuta bl-email.

Għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

• Isem/ismijiet tal-applikant

• Kunjom tal-applikant

• Indirizz attwali tal-applikant jew post ta’ detenzjoni

• Data tat-twelid

• Nazzjonalità/jiet

• Jekk hemm diversi applikanti, “Isem/ismijiet”, “Kunjom”, “Indirizz attwali”, “Data tat-twelid” u “Nazzjonalità/jiet” fir-rigward ta’ kull applikant

• Isem/ismijiet, kunjom, indirizz u kwalità tar-rappreżentant, jekk ikun hemm

• Stat/i kontra liema qed titressaq it-talba

L-informazzjoni u d-dokumenti indikati hawn taħt għandhom ukoll jiġu ppreżentati flimkien mat-talba.

A. Raġunijiet għat-talba għal miżuri temporanji:

1. Deskrizzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni attwali;

2. In-natura tar-riskju imminenti allegat ta’ dannu irreparabbli;

3. Kopja tad-dokumenti kollha relatati (rapporti mediċi reċenti, ritratti, dokumenti li juru l-vulnerabbiltà tal-applikant, artikli tal-istampa jew rapporti dwar is-sitwazzjoni tal-applikant, eċċ.);

4. F’każijiet ta’ tneħħija/deportazzjoni/estradizzjoni:

a. Raġunijiet dettaljati għat-tluq mill-pajjiż tal-oriġini/pajjiż tad-destinazzjoni;

b. Raġunijiet għalfejn jibża’ jirritorna lejn il-pajjiż tal-oriġini/pajjiż tad-destinazzjoni;

c. Informazzjoni dwar id-data u ċ-ċirkustanzi tal-wasla fl-Istat Kontraenti;

d. Pajjiż tad-destinazzjoni;

e. Data tat-tneħħija/deportazzjoni/estradizzjoni mistennija;

f. Kopja tad-dokumenti kollha relatati (mandati ta’ tfittxija, mandati ta’ arrest, kundanni kriminali, artikli tal-istampa jew rapporti dwar l-applikant, rapporti dwar il-pajjiż, eċċ.).

B. Informazzjoni dwar proċedimenti domestiċi fl-Istat Kontraenti:

1. Informazzjoni dwar proċedimenti domestiċi, inklużi d-data u l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u tal-appelli;

2. Kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra dwar proċedimenti quddiem awtoritajiet domestiċi;

3. Kopja tad-dokumenti kollha relatati (kopji tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali, deċiżjonijiet ġudizzjarji, rikorsi ppreżentati lill-awtoritajiet u lill-qrati nazzjonali, eċċ.);

4. F’każijiet ta’ tneħħija/deportazzjoni/estradizzjoni:

a. Informazzjoni dwar proċedimenti tal-ażil, jekk ikun hemm;

b. Informazzjoni dwar proċeduri ta’ tneħħija;

c. Kopja tad-dokumenti kollha relatati.

C. Artikoli tal-Konvenzjoni invokati.

D. Formola ta’ prokura mimlija kif suppost jekk it-talba ssir minn rappreżentant. Il-formola tista’ tintbagħat ftit wara t-tressiq tat-talba. Talbiet għal miżuri temporanji jirrikjedu l-kunsens tal-applikanti.

E. Numru ta’ referenza mingħand il-Qorti jekk diġà għandek wieħed relatat mat-talba preżenti.

F. Kwalunkwe informazzjoni u dokumenti oħra li tqis meħtieġa.

In-nuqqas li tiġi ppreżentata l-informazzjoni u d-dokumenti msemmija hawn fuq jista’ jwassal għall-valutazzjoni li t-talba għal miżuri temporanji mhijiex sostanzjata jew mhijiex kompluta.

Sempliċi referenza għal argumenti stabbiliti f’dokumenti oħra jew għal proċedimenti domestiċi mhijiex biżżejjed. L-informazzjoni u d-dokumenti msemmija hawn fuq għandhom jiġu mehmuża ma’ kwalunkwe talba.

Il-Qorti mhux neċessarjament tikkuntattja lill-applikanti li t-talba tagħhom għal miżuri temporanji tkun mhux kompluta.

B. Preżentazzjoni f’waqtha tat-talbiet

Talbiet għal miżuri temporanji normalment għandhom jintbagħtu mill-aktar fis possibbli wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni domestika finali, sabiex il-Qorti u r-Reġistru tagħha jkollhom biżżejjed żmien biex jeżaminaw il-kwistjoni. Il-Qorti tista’ ma tkunx f’pożizzjoni li tittratta talbiet f’każijiet ta’ deportazzjoni jew estradizzjoni li jaslu inqas minn jum tax-xogħol qabel il-ħin skedat għat-tneħħija3.

Meta d-deċiżjoni domestika finali tkun imminenti u jkun hemm riskju ta’ infurzar immedjat, speċjalment f’każijiet ta’ deportazzjoni jew estradizzjoni, l-applikanti u r-rappreżentanti tagħhom għandhom jippreżentaw it-talba għal miżuri temporanji mingħajr ma jistennew dik id-deċiżjoni. Għandhom jindikaw b’mod ċar id-data meta tkun ser tittieħed u li t-talba tkun suġġetta għal deċiżjoni domestika finali negattiva.

3 Il-lista tal-festi pubbliċi u oħrajn meta r-Reġistru tal-Qorti jkun magħluq tista’ tiġi kkonsultata fuq is-sit tal-Internet tal-Qorti: www.echr.coe.int/contact.

C. Rimedji domestiċi b’effett sospensiv

Il-Qorti ma tismax appelli minn deċiżjonijiet tal-qrati domestiċi; għalhekk, l-applikanti f’każijiet ta’ deportazzjoni jew estradizzjoni għandhom jużaw rimedji domestiċi li jistgħu jissospendu t-tneħħija qabel ma jressqu talba lill-Qorti għal miżuri temporanji. Meta applikant ikun għad għandu għad-dispożizzjoni tiegħu rimedji domestiċi b’effett sospensiv, il-Qorti ma tapplikax ir-Regola 39 sabiex tipprevjeni t-tneħħija.

D. Tneħħija ta’ persuna lejn Parti Kontraenti

Meta persuna li t-talba tagħha għal miżura temporanja tkun ġiet miċħuda titneħħa lejn Parti Kontraenti oħra, hija tista’, jekk ikun meħtieġ, tressaq talba ġdida kontra dak l-Istat skont ir-Regola 39 tar-Regoli tal-Qorti jew applikazzjoni skont l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni.

E. Segwitu tat-talbiet

Ladarba tkun ġiet ippreżentata talba għal miżuri temporanji, l-applikant jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jsegwiha u jwieġeb għall-korrispondenza mir-Reġistru tal-Qorti.

Applikant għandu jkun diliġenti fil-korrispondenza mar-Reġistru tal-Qorti. Huwa essenzjali li l-Qorti tiġi infurmata minnufih b’kwalunkwe bidla fl-istatus amministrattiv tal-applikant jew f’ċirkustanzi oħra (pereżempju, jekk l-applikant jingħata permess ta’ residenza, jirritorna lejn il-pajjiż tal-oriġini tiegħu jew inkella jibdel l-indirizz, jekk ikun hemm bidla fid-data u l-ħin tat-tneħħija, jew jekk ikun hemm deċiżjoni ġudizzjarja ġdida jew żvilupp ieħor relatat mat-talba tal-applikant).

Meta miżura tkun ġiet adottata, l-applikant jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jżomm lill-Qorti infurmata b’mod regolari u fil-pront dwar l-istat ta’ kwalunkwe proċedura domestika pendenti. In-nuqqas li jagħmel dan jista’ jwassal biex il-każ jiġi kkanċellat mill-lista tal-każijiet tal-Qorti.

Meta talba għal miżuri temporanji tkun ġiet miċħuda, l-applikant jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jinforma lill-Qorti jekk jixtieqx ikompli bl-applikazzjoni. Ir-rappreżentant tal-applikant għandu wkoll jinforma lill-Qorti fil-pront, fuq inizjattiva tiegħu stess, dwar kwalunkwe telf possibbli ta’ kuntatt mal-applikant.

Meta t-talba tkun tressqet permezz tas-sit ECHR Rule 39 Site u mbagħad ingħalqet fuq is-sit wara li deċiżjoni tkun ġiet innotifikata lill-applikant jew lir-rappreżentant tiegħu, kull korrispondenza ulterjuri lill-Qorti għandha tintbagħat bil-fax jew bil-posta. Korrispondenza indirizzata direttament lil imħallef, lil President ta’ Sezzjoni, lill-President tal-Qorti jew lil membru tal-persunal tar-Reġistru permezz tal-email ma tiġix ikkunsidrata.